Monthly Archives: June 2018

Bullettin 1 ta’ Lulju 2018

It-13-il Ħadd Matul is-Sena

REBĦA ĊERTA U ĊARA FUQ IL-MEWT

Min hu Ġesù għalina?  Nemmnu li huwa tassew l-Iben t’Alla?  Nemmnu li tassew jista’ jwettaq għemejjel kbar magħna u għalina?

Hemm xi ħaġa li mhux kapaċi jagħmilha?  Meta naraw lil Ġesù jeħodha kontra l-mewt u jagħti l-ħajja lit-tifla ta’ Ġajru nifhmu li kapaċi jqajjem anki lilna mhux bilfors mill-mewt iżda xi kultant mill-medjokrità tal-ħajja.  Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt hija garanzija għalina li aħna wlied id-dawl, li aħna mmarkati bil-grazzja, li aħna għandna nkunu qalbna qawwija li l-Mulej tassew qiegħed magħna.

“Il-fidi tiegħek fejqitek.”  Kemm tassew nistgħu ngħidu li aħna għandna fidi li tfejjaq, li tassew aħna konvinti mill-preżenza qawwija tal-fidi tagħna fi Kristu li kapaċi nirbħu s-slaleb tal-ħajja?  Kemm-il darba bħall-qraba ta’ Ġajru aħna nidħku għall-proposti li jagħmlilna Kristu filwaqt li forsi nippruvaw nibnu l-ħajja tagħna fuq il-frugħat? Fl-ewwel qari, meħud mill-Ktieb tal-Għerf, insibu li l-mewt daħlet fid-dinja minħabba l-opra tax-xitan.  Is-Salm 29 huwa tifħir lill-Mulej għax ħelisna mill-mewt.  Fis-silta mit-Tieni Ittra lill-Korintin, li nisimgħu llum fit-tieni qari, għandna lil San Pawl jeżorta lin-nies ta’ Korintu biex jitgħallmu jaqsmu minn dak li għandhom ma’ ħaddieħor. Fil-Vanġelu tal-lum għandna żewġ rakkonti ta’ fejqan.  Il-fejqan tal-mara li kienet ilha tnax-il sena marida u l-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru.  Fejqan li deher impossibbli iżda li sar possibbli.

  • Kemm-il darba nħossuna morda fir-ruħ u ma nersqux lejn il-veru fejqan?
  • Kemm-il darba naħsbu li nistgħu nakkwistaw il-fejqan tagħna minn għejjun imdardra?
  • Kemm tassew qed niġru wara Kristu għax nemmnu li jista’ jfejjaqna?
  • Il-mewt hija s-sinjal tal-falliment tal-bniedem. Kristu feda dan il-falliment u ġab ir-rebħa lill-bniedem.  Ħadd ma jista’ jeqridna għal dejjem jekk nemmnu fi Kristu.
  • Kemm ser indumu nirrifjutaw il-fejqan ta’ Kristu?

Mulej, agħtina l-qawmien u l-fejqan fuq il-vizzji ta’ kuljum.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

IL-KNISJA L-QADIMA

Is-Sibt 30 ta’ Ġunju

IL-129 sena mill- KONSAGRAZZJONI

Il-quddiesa tad-9am tkun f’din il-knisja għażiża li għal tant snin serviet bħala l-knisja parrokkjali tagħna. Issir l-inċensazzjoni tas-slaleb u wara jkollna l-adorazzjoni solenni sa nofsinhar.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB!

lill-voluntiera kollha li jgħinu biex inżommu din il-knisja miftuħa, nadifa u dejjem aktar irranġata… grazzi tassew!!!

IMMORRU TA’ PINU

Matul l-erbgħat tal-Madonna, kull parroċċa qegħda tmexxi l-quddiesa ta’ filgħaxija fis-Santwarju Ta’ Pinu.

Aħna ta’ Għajnsielem ġejna mistiedna biex nieħdu sehem: L-Erbgħa 4 ta’ Lulju

Fil-quddiesa tas-7.30pm. Wara mbagħad, fit-8.30p.m. nieħdu sehem fir-Ruzarju Aux Flambaux. Trasport mill-Pjazza fis-6.45pm. Importanti. Ma jkunx hemm trasport fil-4.45pm.

Dawk li jixtiequ trasport iċemplu l-uffiċċju parrokkjali sat-Tlieta 3 ta’ Lulju u jinkitbu.

_____________________________________________________________________________

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am.

Is-Sibt 7 ta’ Lulju jkollna rużarju fit-3.30pm fil-Knisja l-Qadima u wara quddiesa. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Barbara Steffenhagen toffri €20 b’suffraġju ta’ Gerhard Steffenhagen f’għeluq it-tieni anniversarju mill-mewt tagħha fl-1 ta’ Lulju.
  • Ursola Azzopardi toffri €20 b’suffraġju ta’ Salvu Azzopardi f’għeluq is-36 sena mill-mewt tiegħu fl-1 ta’ Lulju.
  • Ġużepp u Rose Grima joffru €20 b’suffraġju ta’ Salvu u Grezzja Debono.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  Kull nhar ta’ Sibt. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

Offerti għan-nar:

Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra waslilkom l-envelop li qed jinġabar bieb bieb minn dawk li jieħdu ħsieb tan-nar fil-festa. Ngħinu bl-offerta tagħna.

L-Għaqda tal-Armar qed tieħu l-booking tal-Gear tal-Festa. Ċemplu lil Justin Buttigieg (79000353) jew Darren Cascun (79932295) jew morru l-maħżen tal-armar bejn it-3 u s-6pm sal-10 ta’ Lulju. Hemmhekk tistgħu tippruvaw is-sizes li jvarjaw minn tfal żgħar sa 5XL. Ma’ kull ordni jsir ħlas ta’ €25.

XOGĦOL FIL-KAMPNAR

Kif stajtu tinnutaw, il-kampnar reġa’ ntrama bl-armar tal-ħadid. Qabel ma ninżlu għal kollox minn hemm fuq u nibdew ix-xogħol fuq is-sagristiji, inħass il-bżonn li nirranġaw xi konkos li qed jifqa’ fil-parti ta’ fuqnett tal-kampnar. Hekk nevitaw li l-ħsara tkompli tikber u fl-istess ħin insaħħu dak li hemm. Grazzi kbira lill-voluntiera li qed jgħinu f’din il-biċċa xogħol mhix ħafifa sew minħabba n-natura tagħha u b’mod speċjali minħabba l-għoli tal-kampnar.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – 

GRAZZI KBIRA MILL-QALB!  Rose Grima €30; NN €50.

NIFTĦU L-KNISJA PARROKKJALI Jekk tixtieq tgħin anke billi toffri siegħa f’ġimgħa kellem lill-Arċipriet fuq 21554615.

NAGĦTU D-DEMM  it-Tlieta, 3 ta’ Lulju fil-Berġa tax-Xewkija bejn is-1pm u l-5pm

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali-21554615         Arċipriet –79710784 

E – ghajnsielemparish@gmail.com

Ċentru Parr. – 21561030   Radju Lauretana 21566965

 http://www.radjulauretana.com/parish

 

Bullettin 24 ta’ Ġunju 2018

IS-SOLLENNITÀ TAT-TWELID TAL-BATTISTA 

Il-Knisja fl-24 ta’ Ġunju tiċċelebra s-sollennità tat-twelid ta’ San Ġwann Battista.

Din il-festa għandha l-quddiesa tal-Vġili. B’dan il-mod il-Liturġija tal-Kelma tippreżentalna sitt lezzjonijiet flimkien mas-Salm. Hu ferm diffiċli fi ftit kliem tiġbor il-ħsibijiet kollha tal-qari, iżda nistgħu nsibu dak li huwa komuni u nirriflettu fuqu. Din il-festa hija ċelebrazzjoni tat-twelid tal-Battista. Il-Knisja tiċċelebra l-mewt tal-qaddisin. lżda hija tiċċelebra flimkien magħha dik tat-twelid ta’ Kristu u ta’ Marija.

Inġibu quddiem għajnejna lil Ġwanni għadu tarbija ta’ tmint ijiem imdawwar b’ommu Eliżabbetta u Żakkarija flimkien mal-qraba u  nirriflettu min hu dan il-persunaġġ u l-missjoni tiegħu. L-ewwel qari tal-quddiesa tal-Vġili u tal-jum jittrattaw is-sejħa tal-Profeti Isaija u Ġeremija sa minn ġuf ommhom sabiex iwettqu missjoni mogħtija lilhom minn Alla. Ġwanni huwa ukoll profeta li ġie msejjaħ minn Alla biex iwitti t-triq għall-Messija. Dan narawh ċar mill-Vanġelu tal-Vġili, fejn l-anġlu ħabbar lil Żakkarija: “jimtela bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu.”

Ix-xogħol li Alla feda f’idejn il-Battista narawh fil-qasir f’silta mill-Atti Kap 13, li tinqara fil-quddiesa tal-festa. “Ġwanni kien ixandar lill-poplu kollu ta’ Israel magħmudija tal-indiema.”

Fil-Vanġelu tal-festa naraw l-għoti tal-isem lit-tarbija ta’ Ġwanni minn ommu Eliżabetta u missieru Żakkarija li billi kien immuta kiteb dan l-isem. Dak il-ħin stess fommu nfetaħ u beda jfaħħar u jbierek lil Alla. Din is-silta tagħmilhielna ċara li l-Battista kellu jkun persunaġġ kbir.

Dan il-qari jitfa’ dawl mhux biss fuq il-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista iżda wkoll fuq is-sejħa nisranija. Quddiem Alla kull persuna hija importanti u Huwa jħobbha u jerħilha f’idejha xi biċċa xogħol li skont il-Kardinal Newman ħaddieħor ma jistax jagħmilha. Bħall-Battista kulħadd huwa msejjaħ biex iwitti t-triq għal Kristu billi jagħmel ħwejjeġ tajba filwaqt li jibqa’ umli.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabilta’ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

NAGĦTU D-DEMM il-Ħadd 24 ta’ Ġunju fil-Berġa tax-Xewkija mit-8am sas-1pm.

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  Nibdew dan is-Sibt 23 ta’ Ġunju. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

Offerti għan-nar:

Ma’ dan il-bullettin qed jaslilkom l-envelop li jinġabar bieb bieb matul din il-ġimgħa minn dawk li jieħdu ħsieb tan-nar fil-festa. Ngħinu bl-offerta tagħna.

L-Għaqda tal-Armar se tibda tieħu l-pre-booking tal-Gear tal-Festa. Cċemplu lil Justin Buttigieg (79000353) jew Darren Cascun (79932295) jew morru l-maħżen tal-armar bejn it-3 u s-6pm sal-10 ta’ Lulju. Hemmhekk tistgħu tippruvaw is-sizes li jvarjaw minn tfal żgħar sa 5XL. Ma’ kull ordni jsir ħlas ta’ €25.

KONSAGRAZZJONI KNISJA L-QADIMA

Nhar is-Sibt 30 ta’ Ġunju nfakkru l-129 sena mill-konsagrazzjoni tagħha. Il-quddiesa ta’ 9am dakinhar tkun f’din il-knisja għażiża li għal tant snin serviet bħala l-knisja parrokkjali tagħna.

ILQA’ FI ĦDANEK

Lil Salvu Scicluna li sejjaħtlu għal għandek fil-5 ta’ Ġunju li għadda fil-għomor ta’ 63 sena

Lil Sr. Renata Muscat tas-Sorijiet Dumnikani li sejjaħtilha għal għandek fit-12 ta’ Ġunju li għadda fil-għomor ta’ 77 sena

Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem

OFFERTI GĦALL-BULLETTIN

  • Carmen Sultana toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Pawlu Sultana f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu fit-18 ta’ Ġunju.
  • Giacinta Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Loreto Xuereb f’għeluq is-sitt snin mill-mewt tiegħu fid-29 ta’ Ġunju.
  • Il-Familji Grech u Zammit joffru €30 b’suffraġju ta’ Ġanni Grech f’għeluq il-ħames snin mill-mewt tiegħu fis-26 ta’ Ġunju.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

FESTA TA’ SAN PIETRU U SAN PAWL

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju hija l-festa tal-Imnarja. Il-quddies fil-knisja parrokkjali jkun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkollna tieġ fil-quddiesa tal-5pm.

OFFERTI GĦALL-GWATEMALTA Sports Arena

Grupp ta’ żgħażagħ Għawdxin li voluntarjament jorganizzaw it-Teamsport Gozo Half Marathon, bejn is-16 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu 2018, ser iżuru l-missjoni ta’ Dun Anton Grech fil-Gwatemala u ser jgħinuh fil-ġbir ta’ fondi għall-bini tas-saqaf ta’ GwateMalta Sports Arena, football ground f’Izabal.  Peress li dan il-ground huwa fil-miftuħ, il-kundizzjonijiet klimatiċi mhux qed iħalluh ikun daqshekk aċċessibli. Dan il-ground joffri tant formazzjoni sportiva u edukazzjoni tal-karattru.

Dawn iż-żgħażagħ ser ikunu fostna nhar l-Imnarja fuq iz-zuntier tal-knisja wara l-quddies tat-8 u l-10am biex jilqgħu l-offerti tagħna.

BAR-BQ u TOMBLA fi Triq il-Gudja ħdejn il-playing field b’risq il-festa ta’ Sant’Antnin. Ingawdu l-wirja tan-nar tan-Nadur. Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’Antnin jew 79448921.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI u tas-Sagristiji –   GRAZZI KBIRA MILL-QALB!

-Ġorġa Galea toffri €150 għas-sagristiji b’suffraġju ta’ oħtha Carmena u ta’  missierha Toni Galea.

-Il-familji Grech u Zammit joffru €1000 għall-Orgni b’suffraġju ta’ Ganni Grech.

– NN €20

Il-KNISJA TAGĦNA MIFTUĦA GĦAŻ-ŻJARAT

Ingħaqad ma’ dawk li diġa offrew li jgħinu f’din l-inizzjattiva. Min ikun interessat iċempel jew jibgħat sms lill-arċipriet fuq 21554615/79710784

 

Bullettin 17 ta’ Gunju 2018

  Il-11-il Ħadd Matul is-Sena

ŻERRIEGĦA ŻGĦIRA, IMMA…

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jiġri li dawk li qed jgħixu l-fidi tagħhom qed ikunu f’minoranza fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol, fil-politika, fl-oqsma soċjali.

Meta jiġri hekk jista’ jkun hemm ir-riskju li ħafna jibdew jgħejjew jgħixu l-fidi tagħhom, il-fidi titlef id-dinamiżmu u l-entużjażmu u għalhekk ħafna jsiru passivi.  Il-messaġġ qawwi li joħroġ mil-liturġija tal-lum huwa injezzjoni ta’ kuraġġ lejn dak kollu li hemm bżonn biex tidher, tinħass u tikber is-Saltna ta’ Alla, imma wkoll il-ħabbâra tas-Saltna ta’ Alla.  Il-liturġija tal-lum tħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna u nemmnu aktar fil-ħidma li għandna aħna l-imgħammdin: dik li nxerrdu l-kelma ta’ Alla bl-għemil tagħna sa truf l-art minkejja d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom.

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, Alla jikkastiga s-Sultan Sedekija minħabba l-ħażen tiegħu, iżda Hu xorta jibqa’ fidil lejn il-Patt li kien għamel u jwiegħed li xorta kien se jkabbar is-Saltna tiegħu.  Is-Salm Responsorjali, li huwa Salm 91, huwa għanja ta’ tifħir lill-Mulej għax is-Saltna tal-Mulej tikber dejjem.  Fit-Tieni Qari tal-lum, fit-Tieni Ittra lill-Korintin, San Pawl itenni li n-Nisrani ma jgħix biss b’dak li jara b’għajnejh iżda fuq kollox jgħix bil-fidi f’Alla u bil-kelma tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ San Mark juri t-tfixkil li kellu jiltaqa’ miegħu Ġesù fil-predikazzjoni tiegħù.  X’se jiġri mill-ħidma ta’ Ġesù li bħal bidwi xeħet iż-żerriegħa fl-art?  Is-Saltna ta’ Alla għandha bidu umli iżda qawwi.

  • Aħna parti mis-Saltna t’Alla. Ejjew ngħixu din ir-realtà kull ħin!
  • Aħna lkoll irridu naħdmu biex tikber din is-Saltna – dmir li ksibna mill-magħmudija.  Kif qed ngħixuh?
  • Il-Mulej jgħinna fil-ħidma tagħna. Ma naqtgħux qalbna!

Mulej, grazzi talli għamiltni parti mis-Saltna tiegħek.

Għinni ma naqtax qalbi u naħdem bla waqfien għal dan il-għan

tul ħajti kollha.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

EWRO COLLECTIONfil-quddies kollu ta’ dan il-weekend fil-knisja parrokkjali b’risq il-festa tagħna. Inkunu ġenerużi bħal dejjem. Grazzi mill-qalb.

DUN JOSEPH HILI Saċerdot Ġdid

Id-Djoċesi tagħna qegħda tiżżejjen bl-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Dun Joseph Hili mix-Xagħra nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju, 2018. Ningħaqdu ma’ dan iż-żagħżugħ – saċerdot ġdid ta’ Kristu u tal-Knisja – u nifirħu miegħu, mal-familja tiegħu fix-Xagħra u l-familjari tiegħu hawn ġewwa Għajnsielem.

NIFIRĦULU U NAWGURAWLU u NITOLBU ħafna għalih ħalli jkun saċerdot skont il-qalb ta’ Kristu u biex ikollna aktar vokazzjonijiet saċerdotali.

QUDDIESA FATHER’S DAY

Il-Ministeru għal Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għall-Anzjani ser jorganizza quddiesa għall-anzjani kollha fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, il-Ħadd 17 ta’ Ġunju fis-Santwarju Ta’ Pinu fil-11.15am. Trasport provdut mill-Pjazza fl-10.30am.

MINN QALBNA NAWGURAW LILL-MISSIRIJIET KOLLHA

NAGĦTU D-DEMM it-Tlieta 19 ta’ Ġunju fil-Berġa tax-Xewkija mis-1pm sal-5pm.

ĠURNATA EWKARISTIKA FL-ISKOLA

Nhar l-Erbgħa li ġejja, 20 ta’ Ġunju, 2018 ser ikollna l-ġurnata Ewkaristika fl-iskola Primarja tagħna. Nibdew fit-8.30am bil-quddiesa. Huma mistiedna wkoll il-ġenituri tat-tfal. Wara jkun hemm mument ta’ adorazzjni fis-sala u purċissjoni mal-klassijiet kollha tat-tfal. Mument tassew sabiħ ta’ radd il-ħajr hekk kif qed noqorbu lejn it-tmiem ta’ sena skolasitika oħra.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Mariella Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ Stella Xuereb f’għeluq l-20 sena mill-mewt tagħha fis-17 ta’ Ġunju.

 Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

Is-SEJĦA TA’ PINU

Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju jaħbat il-135 anniversarju mis-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu. Jum Marjan speċjali fil-Gżira tagħna. Fid-9.00am ikun hemm Pontifikal solenni mmexxi mill-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, Supplika u kant tat-TeDeum.

L-AZZJONI KATTOLIKA ssellem lil Ġuża Grech li kienet presidenta tagħha f’Għawdex u li f’dawn l-aħħar ġranet ġiet imsejħa lura fid-dar tal-Missier fl-għomor ta’ 75sena. L-A.K. f’Għajnsielem ser titlob għal ruħha waqt il-quddiesa tat-8.00am fil-Knisja Parrokkjali tagħna l-Ħadd 17 ta’ Ġunju.

LAQGĦA – PELLEGRINAGG LOURDES

Dawk li ġejjin mal-parroċċa għat-tour ta’ Lourdes bejn it-13 u s-16 ta’ Lulju ser ikollhom laqgħa ta’ tħejjija nhar it-Tlieta 26 ta’ Ġunju fil-5pm fiċ-Ċentru Parokkjali. Jingħataw dettalji mportanti.

ADORAZZJONI KNISJA L-QADIMA

Mit-Tnejn 18 ta’ Ġunju, l-adorazzjoni fil-knisja l-qadima ser tibda tkun bejn it-8.30am u nofsinhar.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil: NN Us$300.

NOFS TA’ NHAR GĦAN-NISA

f’Lourdes Home l-Erbgħa 20 ta’ Ġunju mid-9am sa 12pm. Ikun hemm qrar, quddiesa minn Kan. Noel Saliba, kafe’ u tombla.

Il-KNISJA TAGĦNA MIFTUĦA GĦAŻ-ŻJARAT

Matul ix-xhur tas-sajf nixtiequ li nżommu l-Knisja Parrokkjali tagħna miftuħa għal xi ħinijiet minħabba n-numru ta’ persuni li jkunu jixtiequ jżuruha. Għandna bżonn ta’ voluntiera li jgħinu l-parroċċa biex inkunu nistgħu nieħdu ħsieb il-knisja fil-ħinijiet tal-ftuħ. Min ikun interessat iċempel jew jibgħat sms lill-arċipriet fuq 21554615/79710784

 

 

Bullettin 10 ta’ Ġunju 2018

IL-FESTA T-TAJBA!

Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani fi ħdan il-parroċċa tagħna, qegħdin jiċċelebraw il-festa ta’ Sant’Antnin. Qaddis li għex ħafna snin ilu, qaddis li għadu jappella għal-lum. Smajna ħafna tagħrif dwaru fit-Tridu tal-Festa u anke mill-programmi li waslilna Radju Lauretana. Iżda l-aktar ħaġa importanti hi li nimitawh, li nsiru nixbħuh, li lill-Bambin Ġesu’ nġorruh dejjem magħna, kif jidher fl-istatwa ħelwa u devota li llejla tinġarr fuq l-ispallejn mat-toroq tar-raħal tagħna. Nieħdu sehem fil-programm tal-festa:

9.00am     Quddiesa Pontifikali Solenni mmexxija mill-ET Mons. Isqof Mario Grech

6.30pm    Quddiesa

7.30pm    Purċissjoni bl-istatwa devota tal-qaddis. Wara, antifona u barka sagramentali.

L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju hija l-Festa Liturġika ta’ Sant’Antnin:

6.30pm    Rużarju

7.00pm    Quddiesa Pontifikali Solenni konċelebrata mill-ET Mons Pawlu Cremona Arċisqof Emeritu.

Talba lil Sant’Antnin:

Mimli b’tama kbira

u ċert li m’iniex qed nitlob għalxejn,

jien indur lejk għażiż Sant’Antnin,

li Inti hekk kbir quddiem il-Mulej.

Tiċħadx din it-talba tiegħi,

imma agħmel li bl-interċessjoni tiegħek

tiġi milqugħa minn ħdejn it-tron ta’ Alla.

Ejja għinni f’dan il-mument ta’ niket u bżonn li għandi,

u aqlagħli l-grazzja li b’tant ħeġġa qed nitolbok,

jekk hija ta ġid għar-ruħ tiegħi.

Bierek ix-xogħol tiegħi u l-familja tiegħi,

żomm ‘il bogħod minna l-mard

u l-perikli kemm tar-ruħ u kemm tal-ġisem.

Għinni biex waqt is-siegħa ħarxa tad-dulur u tal-prova,

jien nibqa’ qawwi u fidil fil-fidi u fl-imħabba ta’ Alla.

Ammen.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

Att ta’ Konsagrazzjoni Tal-Familja

Lill-Qlub Ta’ Ġesu’ u ta’ Marija

O Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, Int wrejt lil Santa Margerita Marija x-xewqa li ssaltan fuq il-familji Nsara; għalhekk biex nagħtu gost Lilek, inġbarna hawn illum sabiex  nistqarru s-Saltna sħiħa Tiegħek fuq il-familja tagħna.

Minn issa ‘l quddiem, aħna rridu ngħixu l-ħajja Tiegħek, irridu nikbru aktar fil-virtujiet biex hekk ikollna fuq l-art il-paċi li Int wegħidt, irridu nbiegħdu minna l-ispirtu tad-dinja li int kkundannajt.

Saltan Int f’moħħna bis-sempliċita tal-fidi tagħna; saltan Int fi qlubna b’Imħabbtek biex inkunu mkebbsa biss Għalik, u aħna rridu nżommu fina ħajja din ix-xrara ta’ l-Imħabba billi nersqu sikwit lejn it-Tqarbin Imqaddes.

Nixtiequ, O Qalb divina, li jkollok l-ewwel post fil-laqgħat tagħna, li tbierek il-ħidma tagħna tar-ruh u tal-ġisem, li tbiegħed minna kull hemm, li tqaddes il-ferħ tagħna u li ttaffi n-niket tagħna.

Jekk qatt xi ħadd minna jkollu d-disgrazzja li joffendik, fakkru, O Qalb ta’ Ġesu’, li Int mimlija tjubija u ħniena għall-midneb li jindem minn dnubietu.

U meta tasal is-siegħa tal-firda u l-mewt taħsad lil xi ħadd minn fostna, aħna llkoll irridu kemm dawk li jħallu u kemm dawk li jibqgħu, li nbaxxu rasna għar-rieda Tiegħek.  Il-ħsieb li ġurnata l-familja kollha għad tinġabar fis-sema biex tfaħħar għal dejjem il-glorja u t-tjubija Tiegħek, ikun għalina  ta’  l-akbar faraġ.

Nixtiequ li l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija u li l-glorjuż Patrijarka San Ġużepp iwasslu fi ħdanek din il-konsagrazzjoni tagħna. U li bl-għajnuna tagħhom, aħna nfittxu li nżommu ħajja fina tifkira tagħha,matul ħajjitna kollha.

Viva l-Qalb ta’ Ġesu, Sultan u Missier tagħna

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Pauline Cordina toffri €20 b’suffraġju ta’ ommha Elizabeth Vella f’għeluq l-24 sena mill-mewt tagħha fil-11 ta’ Ġunju u għal missieraha Ġużepp u ħuha Anthony Vella.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

tNistiednu lill-familji tagħna biex iġeddu din il-konsagrazzjoni

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB

Grazzi ħafna mill-qalb! Is-somma miġbura kienet €2717. Grazzi u Prosit!

Issa f’Ġunju ssir il-ġabra għan-nar, u mbagħad fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu jsiru ż-żewġ ġabriet oħra tas-soltu mill-parroċċa.

NAGĦTU D-DEMM

Fil-Berġa tal-Gvern tax-Xewkija l-Ħadd 10 ta’ Ġunju mit-8:00am sas-1:00pm.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI

GRAZZI KBIRA MILL-QALB lil dawk li taw din il-ġimgħa: NN€50, NN€70,  NN €100, NN €20, Colin Debono €1000, Loreta Spiteri €500.

XOGĦOL FUQ IS-SAGRISTIJI

Fil-ġranet li ġejjin, mistennija tasal kunsinna oħra ta’ ġebel mill-barriera minn Malta. Ilna ħafna nistennew biex il-barriera tasal f’livell li hu tajjeb ħafna ta’ ġebel ħalli jkollna ġebel tal-aqwa kwalità. Kif jasal dan il-ġebel ikun jista’ jitkompla x-xogħol tal-inġir għat-twieqi tas-sagristiji u nordnaw ukoll il-ġebel li jmiss għall-filati tal-ħitan. Anke dan il-ġebel irid jinġieb minn Malta biex jinqata’ skont il-qisien li titlob il-binja tal-knisja… qisien ferm ikbar minn knaten komuni li jintużaw fil-bini tad-djar.

RADJU LAURETANA

L-iskeda marbuta mal-festa ta’ Sant’Antnin tintemm il-Ħadd 10 ta’ Ġunju. L-iskeda tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto tibda s-Sibt 4 ta’ Awwissu 2018.

GRADWATI

Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ li nawgurawlhom fuq ir-rivista Għajnsielem, jibagħtulna ritratt u d-dettalji fuq rivistaghajnsielem@gmail.com

 

Bullettin 3 ta’ Ġunju 2018

TANA KOLLOX!

Tana kollox.  Tana ĠISMU u DEMMU.  Ma setax jasal aktar.  Mhux biss issallab fuq is-salib iżda wriena biċ-ċar li aħna werrieta tiegħu, għax meta nieklu minn dan il-ħobż u nixorbu minn dan l-inbid,

aħna nkunu qed inħabbru mewt il-Mulej sa ma jiġi.  Sfortunatament aħna l-Insara mhux dejjem napprezzaw dak li għamel Ġesù għalina.  Mhux dejjem napprezzaw din l-eredità ta’ grazzji li l-Mulej tana.  Huwa għalhekk li ħafna drabi nidraw nirċievu l-Ewkaristija.  Ninsew li rridu:

  • nippreparaw bis-sħiħ biex nirċievu l-Ewkaristija
  • nirċievu bl-akbar serjetà l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu
  • nitolbu bl-akbar għożża wara li nirċievu l-Ewkaristija
  • inkunu konvinti mill-qawwa li rċevejna.

Aħna l-insara, fil-festa ta’ Corpus Domini, barra li nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak li għamel magħna, tajjeb li naraw ftit kif qed inħarsu u nirċievu l-Ewkaristija.  Kemm tassew qed inħossu fina l-bidla kontinwa kull darba li nersqu għal dan is-sagrament?

Kristu waqqaf is-sagrament tal-Patt il-Ġdid:

  • li jifdi lill-bnedmin
  • jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet
  • li jġib għaqda sħiħa ma’ Alla u bejn il-bnedmin bejniethom.

L-Ewkaristija ġġib l-għaqda u l-unità ma’ Kristu u bejn il-bnedmin.

  • Qed nifhmu x’qed nirċievu?  Qegħdin inħossuna li aħna strumenti ta’ għaqda?
  • Kemm qed nersaq għat-tqarbin u nifhem tassew li ma nistax nibqa’ l-istess wara li nitqarben?
  • Kemm qed infittex li nwarrab kollox u niltaqa’ ma’ Kristu fl-Ewkaristija kuljum? Nifhem li dan huwa l-Ħobż Ħaj li jżommna ħajjin?

  Mulej,  Inti l-Ħobż ħaj li nżilt mis-sema.

  Agħmel li nifhem il-qawwa tiegħu

  meta nirċevik.

  Grazzi Mulej.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba … dejjem u f’kollox.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR 2 TA’ ĠUNJU – Quddiesa fil-Knisja l-Qadima fl-4.00pm u wara adorazzjoni sad-9pm.

FESTA TA’ CORPUS DOMINI

Illum il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, qegħdin niċċelebraw is-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Wara l-quddiesa tal-10am, tibda l-Adorazzjoni fil-Knisja. 4.30pm rużarju meditat u wara Quddiesa Solenni.

6pm –  Purċissjoni bis-Santissimu Sagrament. Il-purċissjoni tgħaddi minn Triq Fawwara, ll-Pjazza tad-Dehra, Triq Ħamri u Triq Sant’Antnin sal-Knisja ta’ Sant’Antnin fejn fis-7pm ikun hemm quddiesa. Inżejnu minn fejn tgħaddi l-purċissjoni u ntellgħu l-bnadar.

INĦEĠĠU :-

  • Lill-fratelli kollha biex jieħdu sehem
  • Lit-tfal li rċevew l-Ewwel Tqarbina biex jieħdu sehem bil-libsa.
  • Lil kull min għandu xi ward adattat għall-purċissjoni biex jintefa’ mit-tfal biex iġġibbuh il-knisja sal-Ħadd filgħodu.

INĦEJJU GĦALL-FESTA PARROKKJALI

IT-TIENI ĠABRA BIEB BIEB

Mal-bullettin tal-ġimgħa l-oħra wasslilkom l-envelop għall-ġabra li ssoltu ssir f’dan iż-żmien għall-festa titulari tagħna. Il-voluntiera tal-parroċċa qed iħabbtu l-bieb tad-dar tagħkom biex jiġbruhom. L-għotja ta’ kull familja hija apprezzata ħafna biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż kbar tal-festa. Inkunu ġenerużi u ngħinu mill-qalb.

DAR ARKA  … Grazzi għall-offerta ġeneruża tagħna fil-ġbir li sar fil-knisja parrokkjali tagħna. Is-somma miġbura kienet ta’ €800. Grazzi tassew!

NAGĦTU D-DEMM fil-Berġa tal-Gvern tax-Xewkija l-Ħadd 27 ta’ Mejju: 8.00am sa 1.00pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Rita Xuereb toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Loereto Xuereb f’għeluq is-sentejn mill-mewt tiegħu fit-3 ta’ Ġunju.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

IL-FESTA TA’ SANT’ANTNIN… bdiet

Insegwu l-programm tal-festa u nieħdu sehem fil-funzjonijiet tal-knisja.

Pizza night u tombla l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fiċ-Ċentru Sant’Antnin, fit-8.15pm. Prezz €10 li jinkludi pizza u inbid jew soft drink u deżerta. Booking mis-sagristija jew 79202172.

RADJU LAURETANA

L-iskeda marbuta mal-festa ta’ Sant’Antnin bdiet is-Sibt 2 ta’ Ġunju. L-iskeda stampata qed titqassam ma’ dan il-bullettin.

PELLEGRINAĠĠ LOURDES

Dawk li sejrin Lourdes mal-Parroċċa tagħna bejn f’Lulju huma mitluba biex iħallsu l-kumplament tat-tour fl-Uffiċċju Parrokkjali matul din il-ġimgħa fil-ħinijiet tal-uffiċċju jew mill-4.30pm ‘il quddiem.

KUNĊERT MUŻIKALI  

Il-Fundazzjoni JP2, bil-koperazzjoni sħiħa tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, Il-Parroċċa, Il-Ministeru għal Għawdex u sponsors oħrajn ser ittella’ kunċert mill-Baritonu żagħżugħ mill-parroċċa tagħna, Charles Buttigieg, nhar il-Ħamis li ġej fil-Knisja Parrokkjali tagħna fis-7.30pm  Il-preżenza tagħna fil-knisja tkun ta’ inkuraġġiment għal Charles li wara s-sajf ser imur ikompli l-istudji mużikali tiegħu f’waħda mill-aktar skejjel prestiġjużi tal-mużika ġewwa l-Amerika.

MATUL ĠUNJU  …

Ser inkunu nagħmlu nagħmlu xi xogħol fil-knisja parrokkjali – ġewwa u fil-kampnar u fuq il-bejt.

Min ikun jista’ jagħti daqqa t’id – anke ftit ħin xi darba – kellmu lill-arċipriet. Kull għajnuna tiswa ħafna. Grazzi bil-quddiem.

GRADWATI

Dawk li ggradwaw f’din l-aħħar sena u jixtiequ li nawgurawlhom fuq ir-rivista Għajnsielem, jibagħtulna ritratt u d-dettalji fuq rivistaghajnsielem@gmail.com.