Bullettin 8 ta’ Lulju 2018

L-14-il Ħadd Matul is-Sena

SE NAĊĊETTAWH?

Kif qed naċċettaw il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna?  Kemm qed inħossuh preżenti tassew lil Ġesu f’ħajjitna?

Kemm tassew qed nagħrfu nwettqu dak li jgħidilna Hu?  Ġesù ġie fostna u aħna x’għamilna?  Aċċettajnieh?  Kemm tassew qed nuru li aħna ta’ Ġesù?  Kemm tassew qed nuru li aħna mhux bħall-familjari tiegħu jew in-nies ta’ beltu li, għalkemm għarfu li kliemu huwa mitqies u għaref, baqgħu ma aċċettawhx?

Filwaqt li Ġesù jgħid li l-ebda profeta m’huwa mfaħħar f’pajjiżu – u dan narawh fl-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum – aħna l-Insara għandna r-responsabbiltà li, filwaqt li nagħrfu l-qawwa tal-kelma ta’ Ġesù, irridu naraw li qed inwettqu fil-miftuħ dak li jgħidilna hu.  Ma nistgħu qatt naċċettaw lil Ġesù u fl-istess ħin il-kompromessi ta’ ħajjitna!  Meta Ġesù niżel lejn pajjiżu huwa nduna li n-nies għarfitu, semgħet il-kelma tiegħu iżda ma laqgħetux.  Huwa proċess li jiġi ripetut minna lkoll illum.

L-Ewwel Qari huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel fejn naraw li minkejja li l-poplu kien rasu iebsa u iebes biex jikkonverti, Alla xorta bagħat lill-Profeta Eżekjel.  Il-Mulej iħenn kontinwament għalina. Fit-Tieni Qari, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, insibu lil Pawlu jtenni li quddiem ir-rivelazzjoni kulħadd ikollu xi tentazzjonijiet li jippruvaw ibegħduh minn Alla.  Huwa f’dan il-mument li lkoll irridu nagħrfu li Alla ma ħalliniex naqdfu għal rasna imma jagħtina kontinwament il-grazzja tiegħu.  Fil-Vanġelu ta’ San Mark illum Ġesù jinżel f’daru u niesu ma laqgħuhx.

Meta naraw il-mod kif in-nies ta’ żmien Ġesù ma laqgħuhx, irridu nirriflettu kemm tassew lil Ġesù qed nilqgħuh aħna llum.

Għadna ma fhimniex illi li timxi wara Ġesu hija biċċa xogħol iebsa u mhux komda.

Kemm aħna lesti nisimgħu u ngħixu kliem Ġesù? Din hija ħajjitna.

Mulej Ġesù,

  għinni nisma’ kliemek u ngħixu.

  Kull ħin.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna          Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

_____________________________________________________________________________

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt 7 ta’ Lulju jkollna rużarju fit-3.30pm fil-Knisja l-Qadima u wara quddiesa. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

EWRO COLLECTION

Matul il-quddies kollu ta’ dan il-weekend il-ġbir ikun b’risq il-festa titulari tagħna li issa qed toqrob ġmielha. Inkunu ġenerużi. Ngħinu kif u kemm nistgħu.

DIN IL-ĠIMGĦA GĦAL LOURDES

Nhar il-Ġimgħa li ġejja, l-arċipriet ser imexxi l-pellegrinaġġ parrokkjali għal Lourdes flimkien ma’ erbgħin persuna oħra.  Hemmhekk inwasslu t-talb u l-intenzjonijiet tal-parroċċa tagħna f’riġlejn il-Madonna fil-post li minnu stednitna għall-penitenza u t-talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

XOGĦOL FIL-KNISJA

Bħalissa għaddej ix-xogħol tat-tqegħid tal-madum wara r-reredos.  Il-ħsieb tagħna hu li sal-festa jkun jista’ jintuża bħala passaġġ li jgħaqqad iż-żewġ sagristiji.

Ukoll. Issa li wasal il-bqija tal-ġebel il-kbir għat-twieqi, għaddej ix-xogħol fuq il-mollijiet minn Leli Saliba taħt id-direzzjoni ta’ Vince Centorrino biex jibda l-inġir tal-ġebel  tal-kolonni u l-intern tat-twieqi.

Imbagħad inkunu rridu nordnaw il-ġebel tal-filata li wkoll irid jinqata’ apposta.

GRAZZI MILL-QALB

lil dawk kollha li jaħdmu biex, ta’ kull ġimgħa jasallek dan il-bullettin id-dar. Min xħin jinkiteb sa xħin jitqassam għandna ‘il fuq minn 40 persuna nvoluti. Napprezzaw is-sehem tagħhom biex tinħoloq din il-katina bejnietna. Grazzi wkoll lil dawk involuti biex titwassal il-verżjoni elettronika ta’ dan il-bullettin lil tant emigranti tagħna.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Eugenia Buttigieg toffri €20 b’suffraġju ta’ Salvu Wenzu Xuereb u l-familji Xuereb u Buttigieg.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  

Kull nhar ta’ Sibt. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB

Imiss it-Tielet ġabra bieb bieb li ssoltu ssir f’Lulju. Il-Voluntiera tal-parroċċa jiġu matul din il-ġimgħa biex jiġbru l-envelop li qed jaslilkom ma’ dan il-bullettin. Fin-noticeboards tal-knisja u tad-dar parrokkjali tistgħu taraw ir-rendikont tad-dħul u l-ħruġ tal-parroċċa għall-festa tas-sena l-oħra 2017.

L-Għaqda tal-Armar qed tieħu l-booking tal-Gear tal-Festa. Ċemplu lil Justin Buttigieg (79000353) jew Darren Cascun (79932295) jew morru l-maħżen tal-armar bejn it-3 u s-6pm sal-10 ta’ Lulju. KUMITAT TAL-FESTA – PROGRAMM

Il-Kumitat tal-festa qed ilesti l-aħħar irtokki fil-programm tal-fest. Mill-ġimgħa d-dieħla nibdew nagħtu xi punti minn dan il-programm li ser ikun fih inizjattivi sbieħ.

Offerti għan-nar:

Tistgħu twasslu l-offerta tagħkom fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew fil-ferta tal-quddies.

NAGĦTU D-DEMM  fil-Berġa tax-Xewkija nhar il-Ħadd, 8 ta’ Lulju mit-8am sas-1pm.

TOMBLA b’risq AKTIV against cancer fil-parkeġġ tal-Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Għajnsielem il-Ġimgħa 20 ta’ lulju fis-7.30pm. Spot prizes x’jintrebħu. Għal aktar informazzjoni ċemplu 79949388.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – 

NN – $Us 2000.

GRAZZI KBIRA MILL-QALB!