Bullettin 15 ta’ Lulju 2018

Il-15-il Ħadd Matul is-Sena

ĦARĠU JXANDRU

Għandna missjoni xi nwettqu.  Bħala Nsara kull ħin hemm biċċa xogħol tistenniena.

M’huwiex ix-xogħol ippriedkat mis-suq iżda huwa x-xogħol li jrid minna Kristu għall-ġid tas-Saltna t’Alla.  Għandna missjoni biex ma’ Kristu nxandru l-indiema kontra l-qawwiet tal-ħażen.  Huwa importanti għalina lkoll li nagħrfu f’liema għalqa bagħatna l-Mulej biex inwettqu l-missjoni tiegħu.  Kulħadd għandu xi xogħol xi jwettaq.  Kulħadd jista’ jgħid li qiegħed iwettaq xi xogħol għax-xandir tas-Saltna ta’ Alla?  Kemm aħna konvinti li qed naqdu din il-missjoni fil-postijiet tax-xogħol jew tad-divertiment, fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna?  Li tgħix ta’ Nisrani jfisser li taħdem ukoll biex Ġesù jidher aktar bl-eżempju tagħna fl-ambjenti tagħna.  Hemm bżonn li s-soċjetà ta’ llum tara eżempji tajba.

L-Ewwel Qari tal-lum huwa meħud mill-Ktieb tal-Profeta Għamos fejn il-profeta juri lil Amasja, qassis ta’ Betel, li l-Mulej iqajjem il-profeti minn fost il-poplu.  Fis-Salm Responsorjali minn Salm 84 għandna t-talba biex il-Mulej juri lilna t-tjubija u s-salvazzjoni tiegħu.  It-Tieni Qari tal-lum, meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, huwa innu/talba ta’ San Pawl li juri x’inhu l-Pjan ta’ Alla sabiex jifdina mid-dnub.  Fil-Vanġelu nsibu lil Ġesù jibgħat lill-Appostli fuq il-missjoni li jħabbru l-indiema lill-ġnus filwaqt li jgħidilhom x’għandhom jagħmlu fil-missjoni tagħhom.

  • Il-Mulej irid jibgħat lilek ixxandar il-mument tal-indiema lil dawk ta’ madwarek. Lest tgħidlu IVA?
  • Konvinti li l-Mulej jagħżel lilna lkoll għal din il-missjoni?
  • Mill-Ktieb ta’ Għamos rajna li Alla jagħżel kontinwament nies sempliċi. Huwa Alla li se jdawwalna biex inwettqu l-missjoni tiegħu.

Mulej, għinni fil-missjoni li fdajtli f’idejja.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna                Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

_____________________________________________________________________________

IL-ĦADD 15 ta’ LULJU

  • ser ikollna magħna lil Dun Ġużepp Camilleri biex jiċċelebra l-quddiesa tal-10 am. Inkunu nistgħu ngħinuh billi nagħtu xi offerta wara l-quddiesa.

Minn LOURDES…

L-arċipriet qed imexxi l-pellegrinaġġ parrokkjali għal Lourdes flimkien ma’ wieħed u erbgħin persuna oħra. Huma qed jitolbu għalina quddiem il-Madonna u aħna nitolbu biex dan il-pellegrinaġġ iħalli ħafna frott spiritwali. Fit-tifkira tal-aħħar dehra tal-Madonna, proprju fis-16 ta’ Lulju, għeluq il-160 sena mid-dehriet, l-arċipriet ser jiċċelebra l-quddiesa f’dan il-post għażiż b’talb speċjali għall-parroċċa tagħna.

FESTA TAL-MADONNA TAL-KARMNU

It-Tnejn 16 ta’ Lulju niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Bħal kull sena nfakkruha quddiem in-niċeċ li għandna ddedikati lill-Madonna taħt dan it-titlu:

Triq Ħamri: It-Tnejn 16 ta’ Lulju fis- 7.30pm – Rużarju, 8pm Quddiesa

Triq Imġarr It-Tlieta 17 ta’ Lulju fis- 7.30pm – Quddiesa fejn il-ħanut ta’ Maria Xuereb

GRAZZI MILL-QALB

Il-grupp Gozomarathon jixtiequ jirringrazzjaw lil dawk kollha li għinuhom bl-offerti meta kienu fostna fid-29 ta’ Ġunju.  Dan il-grupp, li jinkludi żagħżugħa mill-parroċċa tagħna qed jgħin lil Dun Anton Grech fil-Gwatemala għall-proġett ta’ GwateMalta Sports Arena.  Il-ġabra kienet ta’ €977.90. Id-dettalji tal-ġbir kollu b’risq din l-inizzjativa tista’ ssegwih fuq –

https://fairplay.gozomarathon.org/donations

NAGĦTU D-DEMM

fil-Berġa tax-Xewkija t-Tlieta 17 ta’ Lulju mis-1pm sal-5pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Giacinta Buttigiegi toffri €20 b’suffraġju ta’ żewġha Nazzareno Buttigieg f’għeluq is-6 snin mill-mewt tiegħu fit-13 ta’ Lulju.
  • Il-Familja Debrincat toffri €20 b’suffraġju ta’ Rita u Ġanni Debrincat fl-anniversarju tal-mewt tagħhom fit-13 ta’ Lulju.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  

Kull nhar ta’ Sibt. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB  Inkomplu nagħtu l-offerta tagħna lill-voluntiera tal-parroċċa li jiġu jħabbtu l-bieb tagħna.Festa kbira titlob spejjeż kbar. Ngħinu mill-aħjar li nistgħu. Il-Madonna jixirqilha l-aħjar.

PROGRAMM TAL-FESTA

Fil-Kumitat tal-Festa ġie deċiż li nirranġaw il-programm tat-Tnejn tal-festa – 20 ta’ Awwisu. Bi prova din is-sena l-marċ minn Triq il-Ġnien ikun fid-8.45pm mill-Banda San Ġużepp flimkien ma’ banda oħra mistiedna filwaqt li l-ħruġ min-niċċa jkun għall-ħabta ta’ 10.45/11pm. Naraw kif immorru u fejn nistgħu dejjem nirranġaw għall-aħjar.

XANDIR DIRETT TAL-FESTA Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-festa tagħna ser tixxandar dirett mit-Tnejn sal-Ħadd fuq Xejk TV. Il-Ħadd imbagħad, jum il-festa, tixxandar dirett ukoll fuq F living.

ARMAR – kif tistgħu tinnotaw beda għaddej ix-xogħol tal-armar tal-festa fit-toroq tagħna. Fejn nistgħu nagħtu daqqa t’id u nibżgħu għalih.

BUKKETTI – Min jixtieq jiddedika xi bukkett fjuri għall-granet tal-festa fil-knisja tagħna jista’ jagħti ismu u offerta ta’ €25 għal kull bukkett fl-uffiċċju parrokkjali.

TOMBLA b’risq AKTIV against cancer fil-Każin tal-Banda tax-Xagħra u mhux kif avżat il-ġimgħa l-oħra, il-Ġimgħa 20 ta’ lulju fis-7.30pm. Spot prizes x’jintrebħu. Għal aktar informazzjoni u trasport ċemplu 79949388.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – 

NN Triq il-Ġnien – €140, NN Familja Triq il-Ġnien – €1000. GRAZZI KBIRA MILL-QALB!