Bullettin 22 ta’ Lulju 2018

Is-16-il Ħadd Matul is-Sena

NIES ALJENATI.  FIL-BŻONN TA’ RAGĦAJ!

Il-mument tas-sajf ħafna drabi jfisser mument ta’ telqa u aljenazzjoni,  mument

li fih aktar tara kif tistrieħ minn kollox, xi kultant anki mill-fidi.

Ġesù anki lill-Appostli, wara li rritornaw mill-predikazzjoni, ipprova jeħodhom f’post imwarrab biex jistrieħu.  Quddiem l-għatx tan-nies mifxula, Ġesù jwarrab il-mistrieħ u jerġa’ jibda jgħallem.

Nies mifxula u mħawda.  Kemm tassew nistgħu ngħidu li aħna fl-istess pożizzjoni?  Kemm tassew ilkoll kemm aħna rridu nagħrfu li Ġesù huwa l-Iben t’Alla li qiegħed magħna kull ħin, anki fil-ġranet tas-sajf?  Kemm tassew qed inħossu li Ġesu qed iħares lejn il-ħajja tagħna għax irid jgħinna tassew u mhux jindaħlilna?

Fl-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija, insibu li għaliex ir-re u l-mexxejja tal-Lhud kienu qed imexxu ħażin, Alla bagħat il-Profeta Ġeremija biex iwissi lill-poplu li kien se jaqa’ f’eżilju, iżda se jkun hemm il-mument li jqum mit-tifrik.  Toħroġ fil-beraħ il-qawwa tal-figura tar-Ragħaj li nkantawha fis-Salm 23 – is-salm responsorjali.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, San Pawl juri li bis-saħħa tas-sagrifiċċju tiegħu fuq is-Salib, Kristu sar għalina għajn tas-sliem.  Fil-Vanġelu minn San Mark Kristu jitħassar lin-nies ta’ żmienu għax kienu qishom ngħaġ mingħajr ragħaj u għalhekk kompla jgħallem.

Kristu wkoll iħares lejn ġensna u jitħassarna għax jarana mexjin xi drabi mingħajr sens ta’ direzzjoni. Hemm bżonn li nduru lejh u nisimgħuh.

  • Kemm qegħdin infittxu li naħarbu l-aljenazzjoni tal-ħajja u nersqu lejn il-Kelma li tagħti l-ħajja?
  • Kemm qegħdin nersqu aktar lejn il-quddiesa, ngħidu r-rużarju fil-familja, naqraw il-Kotba Mqaddsa biex nitħeġġu aktar f’dan il-mument tas-sajf?
  • Nista’ tassew intenni bis-sinċerità li l-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi?

Il-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi,

  xejn ma jonqosni!

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna                Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

_____________________________________________________________________________

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

F’dan ix-xahar ta’ Lulju imiss il-parroċċa tagħna li jkollha dan il-mument ta’ talb.

Għalhekk nhar is-Sibt li ġej, 28 ta’ Lulju 2018 nistiednu lil kulħadd għal mument ta’ Adorazzjoni fil-Knisja Parrokkjali fis-6 pm sas-7pm u mbagħad għall-quddiesa flimkien.

NITOLBU GĦALL-QDUSIJA TAS-SAĊERDOTI

____________________________________________________________________________

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Min jixtieq jordna intenzjonijiet tal-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru, Diċembru 2018, jista’ jagħmel dan fl-uffiċċju parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9 am u nofsinhar.

GRAZZI MILL-QALB

Lil dawk kollha li jgħinu bħala voluntiera fil-ġbir li jsir bieb bieb. Xitwa jew sajf, ksieħ jew sħana jiġu, żgur b’sagrifiċċju, biex jiġbru l-envelopes. Is-sagrifiċju u d-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies huwa kontribut kbir biex issir il-festa u tant xogħol ieħor fil-knisja. Napprezzaw, nirringrazzjaw u min jixtieq jgħin ukoll, kemm ikellem lill-arċipriet. Ommna Maria Lawretana tħares lilhom u l-familji kollha tagħhom.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tar-radju tagħna marbuta mal-festa tibda s-Sibt 4 ta’ Awwissu. Mal-bullettin tal-ġimgħa d-dieħla tirċievu l-iskeda tal-ewwel ġimgħa.

NAGĦTU D-DEMM

fil-Berġa tax-Xewkija l-Ħadd 22 ta’ Lulju bejn it-8am u s-1pm.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Phyllis Portelli toffri €50 b’suffraġju ta’ Maria Portelli fl-ewwel annivesarju mill-mewt tagħha fit-22 ta’ Lulju, għal żewġha Toni Portelli, għal Josette Bajada u Marija Degiorgio.

Agħtihom  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  

Kull nhar ta’ Sibt. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB

Grazzi lil kull għen. S’issa l-ġabra laħqet €2947 u £Stg10. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra, jista’ jwassal l-offerta tiegħu fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġbir tal-quddies.

Grazzi tassew u prosit!

MILL-PROGRAMM TAL-FESTA

Tħejjija għat-tfal. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, ser ikollna quddiesa għat-tfal filgħodu fid-9am. Din tkun il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt 16-18 ta’ Awwissu u t-Tnejn 20 ta’ Awwissu u ser tkun animata miż-żgħażagħ tagħna.

ARMAR qed ikompli jitpoġġa f’postu. Fejn nistgħu nagħtu daqqa t’id u nibżgħu għalih.

BUKKETTI – Min jixtieq jiddedika xi bukkett fjuri għall-ġranet tal-festa fil-knisja tagħna jista’ jagħti ismu u offerta ta’ €25 għal kull bukkett fl-uffiċċju parrokkjali.

CONTAINER GĦALL-GUATEMALA

Nhar is-Sibt 28 ta’ Lulju, fejn il-fabbrika tal-FXB ix-Xewkija, ser isir ġbir ta’ oġġetti bħal ħwejjeġ tas-sajf għat-tfal u trabi, toys, pushchairs u roti, stationary, satchels tal-iskola, affarijiet tal-kċina u għodda, lożor u xugamani ġodda u affarijiet oħra. Dawn ser jintbagħtu f’container il-Guatemala. Għal aktar dettalji, tistgħu tikkuntattjaw lil Antonella Zammit fuq 79497254.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – 

Michelina Ciantar b’suffraġju tal-għeżież tagħha. GRAZZI KBIRA MILL-QALB!