Bullettin 29 ta’ Lulju 2018

Is-17-il Ħadd Matul is-Sena

ABBUNDANZA!

Il-Mulej ma jaħsibhiex bħalna.  U jridna li bil-mod il-mod nibdew naħsbuha bħalu. Il-Mulej huwa dak li jħares f’għajnejna u jħobbna tassew.

Iħobbna mhux bil-kejl minimu tagħna l-bnedmin iżda bl-abbundanza.  Il-Mulej jitmagħna bil-ġisem u d-demm tiegħu.  Ma jagħtiniex biss biex niddubbaw, kif intennu aħna iżda billi nixbgħu u aktar ukoll.  Ma kienx biżżejjed jitma’ l-eluf ta’ nies iżda wkoll ġabru tnax-il qoffa sax-xfar.

Iżda x’qed tkun ir-reazzjoni tagħna lejn din l-abbundanza?  Ma jimpurtana minn xejn jew nieħdu kollox for granted?  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nqisu kull ġurnata xi jkun għamel il-Mulej għalina u nistaqsu aħna x’għamilna għalih!!!  Ċert li nkunu midjunin lejh.  Kemm tassew qed nagħrfu dan id-dejn li għandna lejn il-Mulej?  Jew moħħna kemm se nakkwistaw fil-ħajja tagħna?

Fl-Ewwel Qari tal-lum, meħud mit-Tieni Ktieb tas-Slaten, għandna lil Eliżew  fi żmien il-għaks jitma’ lill-poplu Lhudi bil-frott bikri li kien xogħol il-bniedem iżda mbierek minn Alla.  Fis-Salm 144 għandna għanja lill-Mulej li jiftaħ idu u jagħtina l-ġid tiegħu kull ħin.  Fit-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin għandna s-sejħa ta’ San Pawl biex in-Nisrani bl-umiltà, ħlewwa u sabar, jaħdem għall-għaqda.  Fil-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Ġwann, għandna l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż.  Mhux biss jixbgħu iżda jinġabru tnax-il qoffa minn dak li fadal.

  • Il-Mulej iħobbna. Iħobbna bl-abbundanza.  Aħna kif inħobbuh… ta’ malajr?
  • Il-Mulej jitmagħna kuljum permezz tal-Ewkaristija. Qed naċċettah dan l-Ikel li jibdilna?
  • Fil-mumenti iebsa ta’ ħajjitna, meta tħossok waħdek, għaliex ma ddurx lejn Ġesù fl-Ewkaristija?
  • Il-familji u l-koppji li għaddejjin minn xi kriżi għaliex ma jersqux lejn Ġesù għal fejqan sħiħ?

  Mulej tiegħi,

  urini tassew kif għandi nħobbok

  kif ħabbejtni inti.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna                Atti 17,2

responsabiltÀ – rispett – rieda tajba – rażan

… dejjem u f’kollox.

TALB GĦALL-PERSUNI KKONSAGRATI

Is-Sibt 28 ta’ Lulju 2018 fil-Knisja Parrokkjali tagħna: 6 – 7pm u mbagħad il-quddiesa flimkien.

NITOLBU GĦALL-QDUSIJA TAS-SAĊERDOTI

____________________________________________________________________________

INTENZJONIJIET TAL-QUDDIES

Tistgħu tkomplu tiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies tal-ħin fil-Knisja Parrokkjali għax-xhur Ottubru, Novembru, Diċembru 2018 fl-uffiċċju parrokkjali nhar ta’ Tlieta jew Ħamis bejn id-9 am u nofsinhar.

RADJU LAURETANA

L-iskeda tar-radju tagħna marbuta mal-festa tibda s-Sibt 4 ta’ Awwissu. Mal-bullettin qed tirċievu l-iskeda tal-ewwel ġimgħa ta’ xandir.

NAGĦTU D-DEMM  fil-Berġa tax-Xewkija t-Tlieta, 31 ta’ Lulju mis-1pm u sal-5pm.

ILBIES XIERAQ FIL-KNISJA …

Qegħdin fl-aqwa tas-sajf u tas-sħana. Il-bżonn ta’ aktar onestà u deċenza fl-ilbies jinħass sew.  Anke, sfortunatament fil-knisja. 

  • Kulħadd jerfa’ r-responsabiltà personali.
  • Il-Kbar – l-ommijiet, il-missirijiet u n-nanniet jagħtu huma l-ewwel eżempju.
  • Fil-knisja tagħna għandna bċejjeċ apposta għal min jiġi bla komma… nużawhom.

L-EWWEL ĠIMGĦA U SIBT TAX-XAHAR

Il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu l-Adorazzjoni Ewkaristika tkun fil-Knisja Parrokkjali wara l-quddiesa tad-9am sa nofsinhar u terġa’ tiftaħ fl-4pm. Is-Sibt 4 ta’ Awwissu, rużarju fit-3.30pm u quddiesa fil-Knisja l-Qadima. L-Adorazzjoni mbagħad tkompli sad-9pm.

Noffru dan it-talb għat-tiġdid spiritwali tal-familji u l-parroċċa tagħna. 

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Il-Familja Ciantar joffru €50 għall-ispejjeż tal-bullettin b’suffraġju ta’ Salvu Ciantar f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu fl-24 ta’ Lulju. 

Agħtih  O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

NITĦEJJEW GĦALL-FESTA

SIBTIJIET TAL-MADONNA  

Kull nhar ta’ Sibt. Ngħidu r-rużarju fil-familji u jkollna l-l-quddiesa bl-omelija filgħaxija.

ĠABRA BIEB BIEB

Grazzi lil kull min għen. Il-ġabra laħqet €3092 u £Stg10. Min ma kienx id-dar waqt il-ġabra, jista’ jwassal l-offerta tiegħu fil-letter box tad-Dar Parrokkjali jew waqt il-ġbir tal-quddies.

Grazzi tassew u prosit!

MILL-PROGRAMM TAL-FESTA

It-Tlieta 21 ta’ Awwissu

Qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija – Manifestazzjoni għat-tfal u adolexxenti mill-Knisja l-Qadima għall-Knisja Parrokkjali.

BUKKETTI

Min jixtieq jiddedika xi bukkett fjuri għall-ġranet tal-festa fil-knisja tagħna iwassal ismu u offerta ta’ €25 għal kull bukkett fl-uffiċċju parrokkjali.

LEJLA MALTIJA

Is-Sibt 11 ta’ Awwissu fis-7.30pm fil-Parkeġġ tal-Kunvent tal-Knisja ta’ Sant’Antnin. Ikel Malti, tombla u spettaklu minn Joe Demicoli, Albert Lauren u Loredana. Prezz Kbar €20, tfal €8. Biljetti mis-sagristija tal-Knisja ta’ Sant’Antnin.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – 

Michelina Ciantar tat €1000 b’suffraġju ta’ Salvu Ciantar f’għeluq l-10 snin mill-mewt tiegħu.

  1. tagħti €1000 għall-bini tas-sagristiji b’suffraġju tal-erwieħ tal-familja.

Doris u Toni Sultana u l-familja jagħtu €300 b’ringrazzjament lill-Madonna f’għeluq il-50 sena miż-żwieġ tagħhom. 

GRAZZI KBIRA MILL-QALB!