Bullettin 26 ta’ Awwissu – Il-Festa t-Tajba

IL-FESTA T-TAJBA!

Bla ebda dubju, il-kampnar tal-Knisja tagħna jidher mill-bogħod. Jiġbed l-għajn ta’ kull min ikun riesaq lejn il-gżira tagħna. L-istil gotiku lombard jispikka u jikkuntrasta mas-sema li joffri sfond uniku b’tant sfumaturi u kuluri.

L-istruttura tal-kampnar minnha nnifisha tgħinek titfa’ ħartsek ‘il fuq, tfakkar li fil-ħajja hawn Missier li jindokra lil kulħadd, li aktar milli jgħasses, jieħu ħsieb, ma jiġġudikax imma jħenn, li l-missjoni tiegħu hija dik li jħobb minkejja dak kollu li l-bniedem jaħseb, joħlom u jwettaq.

Għal ħafna żmien il-kampnar kien vojt. Iżda dawn l-aħħar snin, ġie mżejjen b’opri li jikkumplimentaw il-funzjoni tiegħu. Il-kampnar mhux sempliċiment binja twila u għolja, imma qiegħed hemm biex jaqdi, biex iwassal messaġġ. It-tmien qniepen li tpoġġew fl-ewwel sular tiegħu, frott il-ġenerożità tal-poplu tagħna, isemmgħu leħinhom u jħeġġu lill-poplu ta’ Alla jersaq lejn il-knisja ħalli permezz tal-liturġija joqrob lejn il-Ħallieq. Ħadd ma jiddubita mis-sbuħija ta’ dawn il-qniepen Franċiżi u xejn anqas il-ħoss ħelu li kapaċi jsemmgħu, kemm waħedhom, kemm meta jindaqqu flimkien, sinfonija f’armonija perfetta. L-arloġġi li tpoġġew riċentamemt komplew isebbħu l-kampnar u l-erba’ uċuh iwasslu messaġġ, mhux bil-kliem imma bis-simboli li huma mżejna bihom.

F’dak kollu li naraw fil-knisja huwa importanti li ma niqfux biss fl-apparenza u nehdew nitpaxxew bil-ġmiel li joffru tant opri, imma huwa ferm importanti li wieħed jifhem il-messaġġ li dawn kapaċi jwasslu. L-istess il-festa. Jekk naraw il-qoxra ta’ barra biss, allura l-festa tiġi biss biex naqtgħu ftit mir-rutina tal-ħajja u ngħaddu ġimgħa niddevertu u nixxalaw, street party kbir. Tgħaddi l-festa, jintemm kollox, qisu qatt ma kien xejn.

Aħna qed niċċelebraw festa reliġjuża li l-għan prinċipali tagħna hu li permezz ta’ Sidtna Marija taħt it-titlu ta’ Loreto, nersqu aktar qrib Ġesu’. Jekk dan jirnexxi, allura tkun festa bis-sens. Nixtiequ festa qaddisa lil kulħadd.

(mill-Editorjal Rivista Għajnsielem Festa 2018)

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna              Atti 17,28

Minn qalbna     NAWGURAW

FESTA MILL-AQWA LIL KULHADD

PROGRAMM TAL-FESTA

Is-Sibt 25 ta’ Awwissu 6.30pm               Translazzjoni mill-Knisja l-Qadima sal-Knisja Parrokkjali.

7.00pm        L-Ewwel Għasar

8.00pm        Quddiesa

Il-Ħadd 26 ta’ Awwissu

9.00am        Konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech bil-prietka minn Fr Joseph Buttigieg ofm cap.

6.30pm        It-Tieni Għasar Solenni ta’ jum il-Festa

7.30pm Il-Purċissjoni

Il-ġbir ta’ jum il-festa jkun b’risq il-ħidma tal-Jesuit Refugee Services.

Nistiednu lil kulħadd biex  nakkumpanjaw il-purċissjoni bit- talba tar-Rużarju u fuq iz-zuntier għall-kant tal-Litanija Lawretana u d-Dħul tal-vara fil-Knisja. Antifona u Barka Sagramentali.

It-Tlieta 28 ta’ Awwissu- RADD il-ĦAJR

6.30pm       Rużarju u Barka Sagramentali.

7.00pm       Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u wara jsir id-dħul tal-vara ta’ Ommna Marija ta’ Loreto fin-niċċa tagħha.

RADJU LAURETANA 89.3FM

L-iskeda tintemm il-Ħadd 26 ta’ Awwissu. Grazzi talli segwejtuna. Niltaqgħu f’Diċembru.

OFFERTA GĦALL-BULLETTIN

  • Guza Zerafa toffri €20 b’suffraġju tal-Erwieħ tal-Familja Zerafa u Spiteri.
  • L-Arċipriet flimkien mal-Familja Bajada joffru €20 b’suffraġju ta’ Maria Bajada f’għeluq it-13-il sena mill-mewt tagħha fil-25 ta’ Awwissu u għal Wenzu Bajada.

Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem

responsabiltÀ–rispett–rieda tajba–rażan

Dejjem u f’kollox.

XANDIR FUQ IT-TV

Il-quddiesa pontifikali u l-purċissjoni jixxandru dirett fuq Xejk TV u fLiving bil-kummentarju provdut minn Radju Lauretana. Segwu dawn ix-xandiriet.

WIRJA f’minjatura tal-Madonna ta’ Loreto fid-Dar Parrokkjali fil-jiem tal-festa mit-8.30pm ‘il quddiem.

QRAR is-Sibt tal-festa mis-6.30 pm ‘il quddiem u l-Ħadd filgħodu.

GRAZZI MILL-QALB: Bott fil-ħanut ‘Ideal Store’ €255. Bott offerti Każin PN €23.56. NN Offerta lill-Madonna €350. Offerta Knisja NN €200 u NN €40, NN b’ringrazzjament lill-Madonna $Us500.

Gabra Bieb Bieb (l-aħħar waħda) €3304.

Gabra Ħruġ Vara €2951.

NAGĦTU D-DEMM  – It-Tlieta 28 t’Awwissu fil-Berġa tax-Xewkija bejn is-1pm u l-5pm.

RIVISTA GĦAJNSIELEM

Mal-bullettin qegħdin tirċievu r-rivista Għajnsielem. Fiha artikli ferm interessanti. Aqrawhom! Ir-rivista qed titqassam b’xejn imma kull donazzjoni biex intaffu l-ispejjeż tal-istampar hija ferm apprezzata.

TIFKIRA U TIFSIRA ARLOĠĠI

Mal-bullettin qed tasallek ukoll tifkira-tifsira tal-inawgurazzjoni tal-arloġġi. Ilqagħha bħala  ringrazzjament min-naħa tal-parroċċa tal-għajnuna u l-offerti tiegħek għal dan il-proġett.

L-ADORAZZJONI FIL-KNISJA L-QADIMA tissokta l-Erbgħa 29 ta’ Awwissu.

L-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Is-Sibt l-1 ta’ Settembru fil-Knisja l-Qadima fit-3.30pm rużarju u fl-4pm quddiesa. L-Adorazzjoni Ewkaristika tkompli sad-9pm b’radd il-ħajr għall-festa.

IL-PROĠETT TAL-ORGNI – Familja Buttigieg €200, P&N Buttigieg €300, GRAZZI KBIRA MILL-QALB! 

PARROĊĊA MADONNA TA’ LORETO-GĦAJNSIELEM

Dar Parrokkjali-21554615         Arċipriet –79710784 

E mail – ghajnsielemparish@gmail.com

Ċentru Parr. – 21561030   Radju Lauretana 21566965

 http://www.radjulauretana.com/parish