Author Archives: admin

Bullettin 24 ta’ Diċembru 2017

AWGURI GĦAL ĦAJJITNA

VERBUM DEI CARO FACTUM EST

IL-VERB SAR BNIEDEM U GĦAMMAR FOSTNA   –
Nawguraw il-Milied it-Tajjeb. Nawguraw ferħ ġenwin li tagħtina l-festa tat-Twelid tal-Messija.  Il-ferħ tagħna llum m’huwiex ferħ ta’ mument iżda ferħ ta’ ħajja sħiħa.  Il-ferħ tagħna llum mhux marbut ma’ rigal jew xi party iżda ferħ li jwassal lilna lkoll viċin il-faqar tal-maxtura ta’ Betlem, iwassalna biex niżvujtaw qlubna mill-imbarazz ta’ tant affarijiet materjali biex insibu dak il-ferħ li huwa biss ta’ ġid spiritwali. 

Il-ferħ tagħna llum, jrid ifisser li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li jħallina liberi. 

Alla jsegwi l-passi tagħna minkejja li nistgħu neħduha kontra tiegħu, li Alla jsegwi l-passi tagħna biex fil-waqgħat ikun ħdejna u jkenninna.  Il-Bambin ta’ Betlem, li mill-ewwel sigħat id-dinja ma għarfitux u ma laqgħetux, qed isejħilna biex nersqu lejh.  Ejjew nersqu lejh u nadurawh!

Il-Milied ipoġġi quddiemna l-għażla bejn id-dawl u d-dlam.  Noqogħdu attenti għall-kliem tal-Vanġelu ta’ San Ġwann li ntennu llum:  “Kien id-dawl tassew li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja.  Kien fid-dinja u d-dinja saret bih imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx.”   Din is-sena ser inħallu ser niftħuhomlu beraħ il-bibien ta’ qlubna?

Iva, tajjeb li nifirħu, tajjeb li nawguraw flimkien, tajjeb li lkoll kemm aħna nifhmu li Alla mhux talli ma nsiniex talli bagħat lill-istess Ibnu fid-dinja biex jifdina u jsalvana.  L-Imanuel ifisser li Alla hu magħna.  Dik it-tarbija ċkejkna tterter bil-bard ta’ Betlem għalina hija sinjal kbir ta’ dawl u fiduċja kbira li Alla wera mal-umanità mġarrba, miegħi u miegħek. Alla dejjem magħna.

O Ġesu Bambin

Li tħares lejna kull ħin,

Aħfer lilna l-midinbin,

Biex nifhmu li int Alla ħanin.

Fih Ngħixu, Nitħarrku u Aħna!        Atti 17, 2

 

MILIED 2017

Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru – Lejlet il-Milied.
4.00pm: Quddiesa
Qrar fil-knisja sat-8.00pm
5.00pm: Dimostrazzjoni bil-Bambin li titlaq minn Bethlehem f’Għajnsielem, bis-sehem tal-Banda San Ġużepp.

Wara jkollna programm tal-Milied imtella’ mit-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum fil-parroċċa tagħna li jkun jinkludi l-prietka tat-tifel minn Nathan Portelli.

11.15pm: Uffiċċju tal-Qari
11.40pm:Prietka tat-tifel, u Quddiesa solenni tal-Lejl tal-Milied

It-Tnejn 25 ta’ Diċembru
SOLENNITÀ TAT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU Il-quddies fil-knisja parrokkjali jkun bħal nhar ta’ Ħadd.

RADJU LAURETANA
L-iskeda tal-Milied tkompli. Komplu segwu x-xandiriet u l-programmi speċjali li hemm imħejjija fuq 89.3FM.  

SIĠRA TAL-KARITÀ Inkomplu ngħinu fil-knisja u fil-ħwienet il-karità li ssir mill-PARROĊĊA u mill-Uffiċċju tal-CARITAS tad-DJOĊESI ta’ GĦAWDEX.

MILL-KNISJA: Ħudu karta minn mas-siġra u ġibu l-oġġett li jkun hemm miktub fuqha taħt is-siġra stess.

FIL-ĦWIENET fittxu l-kaxxa li jkun hemm fejn il-counter u poġġu xi preserve, għaġin, żejt, zokkor eċċ,  jew oġġetti tal-ħasil. Ħdejha jkun hemm siġra bħal din:

 

GRAZZI MILL-QALB
NN €400 offerta lill-Madonna. NN €100 għall-Knisja.
Ġabra Bieb Bieb Għall-Festa €2621.

Grazzi tassew mill-qalb lil kull min ta l-offerta tiegħu u lill-voluntiera tal-parroċċa li ħarġu jiġbru.

 

Miċ-Ċentru Parrokkjali

SERATA tal-MILIED

Il-Ħamis 28 ta’ Diċembru,  fis-7pm fis-Sala taċ-Ċentru.Serata mill-isbaħ.Titilfuhiex!

Min jixtieq jieħu sehem b’xi talent ikellimna sat-Tlieta 26 Ta’ Diċembru. Għall-booking (biljetti Kbar minn Form 3 ‘il fuq €2, tfal b’xejn)  –   21554615, 79710784, 79964537. Il-qliegħ imur b’risq il-proġett ta’ lifter fiċ-ċentru parrokkjali għall-persuni li jużaw il-wheelchair.

IKLA TAL-MILIED:

Il-Parroċċa tagħna qed torganizza l-ikla tal-Milied l-Erbgħa 3 ta’ Jannar 2018 fil-Grand Hotel.  Ikollna wkoll guest singer speċjali. Jiġi varat uffiċċjalment il-proġett tal-orgni għall-Knisja tagħna. Biljetti – kbar €25. Ibbukkjaw fuq 21554615.

GĦALL-ĠID TIEGĦEK… Milied Hieni… Milied bi Kristu f’qalbek!! Milied ta’ ferħ ġenwin!!

ĠBIR TAL-ISKART  Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem javża li f’dawn il-festi l-ġbir tal-iskart ser ikun kif ġej:

Is-Sibt 23 ta’ Diċembru – Il-borża s-sewda

It-Tlieta 26 ta’ Diċembru – skart riċiklat u organiku

L-Erbgħa 27 ta’ Diċembru – skart organiku

Il-Ħamis 28 ta’ Diċembru – Il-borża s-sewda

Il-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru –skart organiku

Is-Sibt 30 ta’ Diċembru – Il-borża s-sewda

It-Tnejn 25 ta’ Diċembru u 1 ta’ Jannar – Ma jsirx ġbir

ILQA’ FI ĦDANEK MULEJ
Ir-ruħ għażiża ta’ Loreto Sultana mill-Parroċċa tagħna li għadda għall-ħajja eterna fis-17 ta’ Diċembru 2017 fl-eta’ ta’ 86 sena.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.